L-“Occupational Therapy” hija professjoni paramedika li toffri riabilitazzjoni lill-persuni b’diżabilità fiżika u/jew mentali ta’ kull età. L-għan ewlieni huwa li dawn il-persuni jerġgħu jsiru indipendenti kemm jista’ jkun sabiex jerġgħu jintegraw fis-soċjetà. Dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ taħriġ fl-attivitajiet ta’ kuljum. Dan jinkludi taħriġ fl-attivitajiet personali sabiex il-persuna tkun tista’ tieħu ħsieb tagħha nnifisha billi tkun kapaċi tinħasel, tilbes u tiekol. L-individwu jingħata taħriġ ukoll sabiex ikun kapaċi jipparteċipa f’attivitajiet domestiċi li jinkludu t-tindif tad-dar, ħasil tal-ħwejjeġ, tisjir u manutenzjoni bażika tad-dar. F’ċertu okkażjonijiet ikun hemm bżonn ta’ pariri u użu ta’ apparat speċjali biex il-persuna tilħaq dan il-għan. Isir ukoll taħriġ speċifiku sabiex il-persuna tkun kapaċi tissoċjalizza mal-oħrajn.

Attivitajiet oħra li jingħataw attenzjoni jinkludu kif il-persuna tqatta’ l-ħin liberu tagħha, kif ukoll biex terġa’ tintegra ruħha fil-dinja tax-xogħol. L-“Occupational Therapist” jaħdem kemm fl-isptarijiet, kif ukoll fil-komunità.  

Sabiex jilħaq l-għan imsemmi, l-“Occupational Therapist” jfassal programm ta’ taħriġ fuq bażi individwali. Fejn jeħtieġ, il-familja tal-individwu jingħataw taħriġ ta’ kif għandhom jieħdu ħsieb il-pazjent u jkomplu il-programm terapewtiku. Fejn ikun hemm bżonn, jingħataw rakkomandazzjonijiet sabiex  issir il-bidliet neċessarji fl-ambjent fejn tgħix il-persuna konċernata.

X’INHI OCCUPATIONAL THERAPY?